3 snin?
Possibli?
Qas nista nemmen li għadda daqshekk żmien mill-aħħar darba li ersaqt l’ hawn. Ma nafx kemm-il darba tektikli ma moħħi li nerġa nikteb xi ħaġa; kont nieħu gost, kien jgħini nesprimi ruħi, kelli lingwa żviluppata iżjed dak iż-żmien, eċċ...
Biss, dejjem weħilt ma l-istess mistoqsija: Iżda xiex? U għaliex?
Il-bieraħ, qabel tmiem is-sena 2011, filwaqt li kont miġbur ma sħabi, waħda mill-organizzaturi tal-lejla talbitna biex nieqfu ftit nirriflettu fuq is-sena li konna qegħdin inħallu warajna, naraw x’ kellna x’ napprezzaw mis-sena li għaddiet u għal xiex konna qegħdin inħarsu l’ quddiem...
Irrealizzajt li tul is-sena, kbirt, bħala persuna, kull meta għaddejt minn xi żmien ta’ prova, xi żmien ta’ diffikulta’. Ovvjament dan għamiltu grazzi għall-ħbieb u familjari... Ħassejtni tassew privileġġat li kelli daqstant spallejn fuq xiex nitwieżen...ill-organizzaturi tal-lejla talbitna biex nieqfu ftit nirriflettu fuq is-sena li konna qegħdin inħallu warajna, naraw x’ kellna x’ napprezzaw mis-sena li għaddiet u għal xiex konna qegħdin inħarsu l’ quddiem...
Ħassejtni ukoll dispjaċut, kważi diżappuntat. Kien hemm għalfejn jaslu l-aħħar minuti tas-sena biex nirrealizza dan? Possibli kont għaddej ħajti b’ tant għaġla biex qatt ma rnexxieli nieqaf għal ftit ħin naħseb fuq dak li għaddej minnu? Dak li qed nieħu mid-dinja ta’ madwari?
Hekk nibet dan il-kunċett... kważi kważi nista ngħid li din hi r-riżoluzzjoni tiegħi ta’ din is-sena. Nitlaq mill-bidu nett, irrid insib ħin fejn nieqaf naħseb fuq il-ġurnata tiegħi u nara f’ kienet l-ikbar tgħalima li kelli f’ dak il-jum partikolari. 366 tgħalima b’ kollox. Waħda kuljum... minn ta’ l-inqas!
Biex inkun għidt kollox, qatt ma kelli fama ta’ konsistenza fejn jidħlu blogs, iżda din id-darba determinat. Għall-għażż użajt l-istess blog antik li kelli qabel, kemm bdiltlu l-isem... Iżda bi ftit insistenza, nemmen li jieħu x-xejra li nixtieq jien... Wara kollox, ma jistax ikun, u nittama li anke inthom jirnexxielkom li ma tibqgħux, nħalli ħajti teħodni fejn trid hi mingħajr ma niftaħ għajnejja u nkun naf x’ inhu jiġri madwari...
----- ----- ----- ----- ----- ----- ----- ----- ----- -----
01
Inħares lura, nista ngħid li l-ewwel ġurnata tas-sena lanqas biss rajtha għaddejja. Ġurnata xogħol, veru, imma ġurnata li qaltli ħafna... L-isbaħ ħaġa li qaltli, u dak li rrid inġorr miegħi b’ mod konxju:
Jekk tixtieq xi ħaġa; staqsi!
Sempliċi ux tassew? Imma kemm nagħmluha fil-verita? Kemm-il darba rrabjajna għax ma rċivejniex xi ħaġa, xi ħaġa tant ovvja, mingħand xi ħadd li sippost jafna ta’ taħt fuq?! Iżda għaliex pretendejna li dak il-persuna se jaqralna moħħna? X’ żammna milli nistaqsu?
"We find what we expect to find, and we recieve what we ask for."
Elbert Hubbard (American editor, publisher and writer. 1856 -1915)
0 comments:
Post a Comment